L-Esperanto

Ħafna forsi ġa semgħu b’dil-kelma ‘Esperanto’ imma qatt ma qabdu xi tfisser. Din hija lingwa ħafifa li wieħed jista’ juża u jaqra meta jiġi bżonn. Imma qabel xejn tajjeb li nibdew b’min ivvintah.

L-awtur tal-Esperanto kien it-Tabib Ludvik Lazarus Zamenhof, Lhudi Pollakk, li twieled fi Bjalistok, il-Polonja, fl-1859 u miet f’Varsavja fl-1917. Kien tabib ġenerali imma mbagħad speċjalizza u sar oftalmologu, jiġifieri speċjalista tal-għajnejn. Kellu tlett itfal: wieħed  tabib u żewġ nisa avukati. Diżgrazzjatament, billi kienu ta’ razza Lhudija, it-tlieta spiċċaw maqtula min-Nażi fl-aħħar gwerra dinjija.

Dil-kelma Esperanto tfisser ‘wieħed li jittama’ (esper+anto). Zamenhof kiteb l-Esperanto għax induna li d-dinja kellha – u kulħadd jaf li għad għandha – bżonn ta’ lingwa ħafifa li tintuża bżala internazzjonali.

Biss Zamenhof ma ħalaqx biss lingwa imma wkoll dil-lingwa għanieha b’letteratura. U l-esperantisti li ġew warajh komplew fuqu. Illum il-letteratura bl-Esperanto hi vasta u biha ssib kotba fuq kollox: poeżija, rumanzi, esejs, kant, diski, CDs u x’naf jien. Fost il-kotba hemm ukoll il-Bibbja. Kien Zamenhof innifsu li billi kien Lhudi qaleb għall-Esperanto mill-Ebrajk  it-Testment l-Antik kollu. Wara mewtu ppubblikaw fi ktieb wieħed it-Testment l-Antik tiegħu u t-Testment il-Ġdid ta’ ħaddieħor. F’dal-każ ‘il Zamenhof jien inqisu bħala s-Saydon tagħna l-Maltin. Nixtieq in’id li jien ukoll tajt sehmi lil-letteratura esperantista billi ktibt dirett l-Esperanto Ľ qlibt mill-Malta għall-Esperanto. Min irid aktar tagħrif fuq dan jista’ jara l-paġna tiegħi fuq Facebook.

Il-magħmudija tal-Esperanto saret fl-1887 bil-pubblikazzjoni tal-ewwel ktieb fuq il-lingwa. Zamenhof iżżewweġ f’din l-istess sena lilKLara Zilbernik, Pollakka wkoll li għenitu bid-dota tagħha biex joħroġ l-ewwel ktieb fuq il-lingwa tiegħu..

L-ewwel kungress tal-Esperanto, dak il-kungress li laqqa’ flimkien l-awtur mal-istudenti biex ngħid hekk, jiġifieri ‘l Zamenhof u l-ewwel esperantisti, kien sar f’Boulogne-sur-mer fi Franza, fil-5 t’Awissu tas-sena 1905.Kienu ħadu sehem 688 esperantist minn 20 pajjiż. Hemm instema’ l-Esperanto mitkellem għall-ewwel darba. F’dal-kungress, Zamenhof għamel wieħed mill-aqwa u mill-isbaħ diskorsi tiegħu. Fost ħwejjeġ oħra qal: “Illum f’Boulogne-sur-mer qed jiltaqgħu mhux Franċiż ma’ Ingliż, mhux Russu ma’ Pollakk, imma bniedem ma’ bniedem.’’ Dan kien ifisser li hemm kulħadd kien indaqs, bla distinzjoni ta’ nazzjonalità, reliġjon u lingwa. Hawn nixtieq infakkar li wieħed Franċiż kien laqqam l-Esperanto bħala: “Il-Latin tad-Demokrazija”.

Kien f’dal-kungress importanti li kumitat apposta ħareġ id- ‘Dikjarazzjoni dwar l-Essenza ta’ l-Esperantiżmu’, imsejħa wkoll id-‘Dikjarazzjoni ta’ Boulogne’. Did-dikjarazzjoni hi magħmula minn ħames paragrafi u tfakkar li l-lingwa internazzjonali mhi ta’ ħadd, lanqas tal-awtur tagħha,  imma ta’ kulħadd.

Fi ftit kliem x’inhu l-esperantiżmu? Hu dik it-teorija li titkellem fuq il-ħidma biex l-Esperanto jixtered ma’ kullimkien, biss bla ma jindaħal fil-ħajja interna tal-popli u li m’għandu ebda ħsieb li jaqla’ ‘l barra l-lingwi nazzjonali, u jgħin lin-nies ta’ nazzjonalitajiet diversi jifhmu ‘l xulxin aħjar. Għalhekk jissejjaħ ‘esperantista’ min jaf u juża l-Esperanto. Ifhmu sewwa dawn iż-żewġ kelmiet: min  ‘jaf u..juża..’ .

Dil-lingwa internzzjonali u ħafifa hi mifruxa mad-dinja fi klabbs, soċjetajiet u istituti,  imma minħabba xi interessi ta’ superjorità nazzjonali taparsi mhumiex qed jagħtu kasha u jagħtuha l-ġenb, imma li tista’ tiffranka ħafna ħin  u tgħaqqad aktar ‘il-bnedmin.

Min jinteressah ikun jaf aktar fuq l-Esperanto jista’ jfittex dil-kelma fuq il-kompjuter. Jista’ wkoll jibda jitgħallimha billi jiftaħ fuq: lernu.net jew esperantoviva. Hawn Malta għandna wkoll is-soċjetà tagħna: Malta Esperanto-Societo li minn għandha tistgħu tiksbu tagħrif kemm fuq il-lingwa u l-moviment tagħha kif ukoll fuq il-korsijiet bil-korrispondenza, jew tiktbu lil: Malta Esperanto-Societo: [email protected] . Għal aktar tagħrif, tista’ tara wkoll il-paġna tagħna fuq Facebook. Min jixtieq jista’ wkoll isir membru.

Recent Posts