Dwarna

Storja Qasira tal-Soċjetà tal-Esperanto f’Malta

minn John Vella Bondin

 Esperanto Society Founder membersIt-twaqqif tas-Soċjetà tal-Esperanto seħħ fis-26 ta’ Diċembru 1961. Kien biħsiebna niltaqgħu fil-Biblijoteka  statali.   B’sogħba għalina, dakinhar kienet magħluqa, għalhekk aħna, b’kollox seba’ żgħażagħ, iltqajna fil-Cafè Premier passejn ‘il bogħod.

Mis-seba’ membri-fundaturi, tlieta biss baqgħu leali lejn l-Esperanto: Carmel Mallia li  kien elett l-ewwel president, John Vella Bondin, is-segretarju attwali, u Anthony Mercieca li dawn l-aħħar snin kien l-għalliem uffiċjali, u Ċiċerun tul il-ħarġiet kulturali għall-barranin esperantisti li kienet torganizza minn żmien għal ieħor is-Soċjetà. Ma nistgħux ma nsemmux wieħed mill-fundaturi: Reno Caruana li baqa’ attiv sakemm miet fl-1983 fl-għomor ta’ 40 sena.

Is-seba’ esperantisti bdew ‘La Societo  de  Maltaj Esperantistoj’, aktar ‘il qudiem ‘Malta Esperanto-Societo’. Kumitat ġdid proviżorju kien elett u ħejja statut. Skont dan l-istatut, l-għan tas-Soċjetà kien, u għadu,  it-tixrid tal-Esperanto u l-ideali tiegħu .

Bħala l-ewwel membri tas-Soċjetà, l-akbar problema li kellna nħabbtu wiċċna magħha  kien il-fatt li kważi ħadd f’Malta ma kien qatt sema’ bl-Esperanto. Illum b’xorti tajba dil-problema għebet għal kollox. Il-biċċa kbira tal-Maltin issa semgħu bl-Esperanto u ħafna saħansitra tgħallmuh  għax sa mill-ewwel snin tat-twaqqif tagħha s-Soċjetà għallmet il-lingwa internazzjonali jew permezz tal-korrispondenza jew fil-klassijiet flgħaxija. Niftakar tajjeb, l-ewwel kors ta’ flgħaxija fl-1973 kien hemm 63 parteċipant . F’dan l-artiklu qasir mhux possibbli li nniżżlu fid-dettal kull ġrajja li seħħet tul dawn il-50 sena.

Fl-1963,  għall-ewwel darba Mallia kiteb u ppubblika ktejjeb interessanti bl-Esperanto, ‘Malto, la Historia Insulo’ (Malta, Gżira Storika). Fis-sena 1965, il-Maltin iċċelebraw ir-raba’ seklu mill-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Biex tfakkar dil-ġrajja s-Soċjetà tagħna organizzat konkors internazzjonali bl-Esperanto fuq Malta.

F’Jannar tal-1966 deher l-ewwel numru tal-fuljett ‘Esperanto-Bulteno de la Malta Esperanto-Societo’. Dan l-isem inbidel darbtejn, l-ewwel għal ‘Malta Esperantisto’ u wara, skont il-liġi li organizzazzjonijiet statali biss kellhom id-dritt jużaw il-kelma ‘Malta’, għal ‘Mezmara Stelo’, li għadha hekk sallum.

Ta’ min ifakkar iż-żjara li għamel f’Malta fi Frar tal-1975 l-esperantista magħruf Ingliz Norman    Williams  (+).   Bl-għajnuna    ta’    Bro      Oscar, membru tagħna, das-sinjur kien ta taħdita dwar l-Esperanto lil aktar minn 300 student tal-Kulleġġ Stella Maris, il-Gżira. Williams żar Malta darbtejn oħra.Kemm minħabba l-interess tiegħu f’Malta kif ukoll fil-moviment esperantista f’Malta, il-kumitat għażlu l-ewwel bħala membru onorarju tal-Malta Esperanto-Societo. Membru onorarju ieħor kien is-Sur Bronec mill-Awstrija.

F’Jannar tal-1977, megħjuna finanzjarjament mill-Federazzjoni Żvediża tal-Esperanto, is-Soċjetà tagħna ppubblikat żewġ libretti bil-Malti miktuba minn Carmel Mallia: ‘L-Ewwel Kors fl-Esperanto’ u ‘Dwar l-Esperanto’. Ta’ min isemmi li fl-1986 fl-okkażjoni tal-25 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà tagħna, l-istess Federazzjoni Svediża għenet lil Carmel Mallia biex jipubblika l-‘Antologio de de Maltaj Poetoj’ (Antoloġija ta’ Poeti Maltin) li kienet tikkonsisti f’poeżiji ta’ poeti Maltin maqlubin minnu stess għall-Esperanto. Aktar tard, fl-2009, dehret   antoloġija oħra ta’ Mallia,Malta Nuntempa Poezio did-darba traduzzjoni ta’ poeti Maltin moderni, membri tal-Għaqda Poeti Maltin. Is-Soċjetà tagħna kellha unur ieħor meta l-president tagħha, Carmel mallia kien aċċettat bħala membru tal-Akkademja tal-Esperanto.

Fl-1978, is-Soċjetà tagħna organizzat l-ewwel ‘Semajno de Esperanto en Malto’ (Ġimgħa tal-Esperanto f’Malta) meta rnexxielna ndaħħlu ħafna membri ġodda. Fl-istess sena, b’inizjattiva tas-Soċjetà tagħna, żewġ toroq fl-Imsida qrib l-università ssemmew ‘Triq Zamenhof’ u ‘Triq l-Esperanto’. Intgħażlet l-Imsida għax hemm, fil-bidu tas-seklu l-ieħor, iltaqgħu l-ewwel pijunieri Maltin tal-Esperanto. Fl-istess post waqqafna monument f’ġieħ Zamenhof, xogħol l-iskultur Alfred camilleri Cauchi, u li kien inawgurat mill-President tar-Repubblika, l-Eċċ Tiegħu Dr Ċensu Tabone, oftalmologu bħal Zamenhof. Dik is-sena wkoll ħabat  għeluq il-mitt sena tal-Esperanto .

Fl-1978, Malta kienet aċċettata bħala membru msieħeb fl-Assoċjazzjoni Universali tal-Esperanto waqt it-63 Kungress Universali tal-Esperanto, f’Varna, il-Bulgarja.

Mill-24 ta’ Lulju sal-1el t’Awwissu 1980, sar għall-ewwel darba f’Malta kungress internazzjonali tal- ‘Għaqda tal-għalliema Esperantisti’ bil-parteċipazzjoni ta’ 70 għalliem barrani tal-Esperanto. Kienet dil-konferenza li ħajritna nibdew norganizzaw ġimgħa ta’ turiżmu esperantista kull sentejn. B’kollox għamilna  tmien ġimgħat ta’ turiżmu mill-1981 sal-1995.

Il-Posta ta’ Malta għal tliet darbiet ħarġet timbru fuq l-Esperanto, għal dawn l-okkażjonijiet: l-ewwel ġimgħa tal-Esperanto f’Malta (1978) , għall-okkażjoni tal-konferenza tal-Għaqda tal-Għalliema Esperantisti(1980), u meta fakkarna l-25 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà tagħna (1988).

Imma l-akbar suċċess għall-Għaqda tagħna kienet il-ħarġa fl-1987 ta’ bolla kommemorattiva fil-ġublew tal-Esperanto, u b’hekk Malta kienet wieħed mill-pajjiżi li ħarġu bolli għal din l-okkażjoni.

F’dawn l-aħħar snin, esperantisti Maltin ħadu sEsperanto Centenary Stampehem f’dal-kungressi universali : Antwerp, Budapest, Augsburg, Varsavja, Brighton, Vjenna, Praga u Montpellier.

Matul ħafna snin, is-Soċjetà tagħna nediet konkors ta’ esejs dwar il-lingwi għal studenti tal-iskejjel sekondarji. In-numru ta’ parteċipanti żdied kull sena. Ir-rebbieħa kienu jitħabbru f’serata kulturali organizzata fi Frar għall-okkażjoni tas- ‘Semajno de Internacia Amikeco’ (Ġimgħa ta’ Ħbiberija Internazzjonali). L-aħħar konkors sar fl-2010.

Aħna dejjem nistiednu ‘l xi ħadd importanti, Malti jew esperantista barrani li b’kumbinazzjoni kien ikun hawn Malta, biex jippresjiedi l-Lejla Kulturali. Matul is-snin ħafna esperantisti barranin żaru Malta. Aħna dejjem nagħmlu ħilitna biex niltaqgħu magħhom u fl-istess ħin nitkellmu ftit magħhom.

Il-ħatra tal-president Dr Carmel Mallia bħala membru tal-Akkademja tal-Esperanto kienet ta’ ġieħ kbir għalih u għalina. Ħafna huma l-kotba li kiteb Mallia. Minnhom nagħżel tnejn: ‘Ĉielarka Estonto’ (Ġejjieni lewn il-qawsalla), rumanz oriġinali bl-Esperanto u ‘La Malta Revo’, traduzzjoni bl-Esperanto tar-rumanz ta’ Frans sammut, ‘Il-Ħolma Maltija’, li kien ħa l-ewwel premju mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Malti. Ma ninsewx ukoll il-kotba ta’ poeżija tiegħu bl-Esperanto.

Malta Esperanto Society celebrates 50 yearsMinn dan kollu li għedna, wieħed jista’ jikkonkludi li matul l-aħħar  ħamsin sena ħdimna ħafna biex inħeġġu l-interess fl-Esperanto. Nittamaw li s-siġra li ħawwilna  fl-1961  —  fis-sena 2011 għalqet 50 sena  —   li tant ħadna ħsiebha matul is-snin tagħti fil-ġejjieni aktar frott, bit-tama li Maltin oħra , l-aktar żgħażagħ, jieħdu interess f’dil-lingwa u fis-Soċjetà li tmexxiha. Għall-50 sena mill-ftuħ tas-Soċjetà tagħna, ippubblikajna żewġ kotba ġodda, it-tnejn xogħol ta’ Carmel Mallia: traduzzjoni parallela ta’ 200 qawl Malti, u ‘Dun Karm u Zamenhof, żewġ ilħna tewmin’, fl-okkażjoni tal-50 sena mill-mewt tal-poeta Dun Karm li kien kiteb poeżija waħda bl-Esperanto fl-1el t’April 1901.


Recent Posts